Azzjonijiet

Rikonsiderazzjoni tal-Iskart

L-iskart tal-ikel huwa qasam fejn hija meħtieġa azzjoni u waħda li taffettwa lis-soċjetà kollha kemm hi. L-Aġenzija se timmonitorja l-miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u se timplimenta kwalunkwe miżura meħtieġa u tippromwovi azzjoni li tiffaċilita l-ilħuq ta’ dawn il-miri. Dan se jkun akkumpanjat minn kampanja dwar l-iskart tal-ikel, li se tfittex li tqajjem kuxjenza dwar il-problema u tressaq ideat dwar kif jista’ jinkiseb it-tnaqqis. Minbarra li tqajjem kuxjenza ġenerali, l-Aġenzija se tniedi wkoll kampanji edukattivi mmirati lejn ċerti setturi tas-soċjetà b’enfasi partikolari fuq it-tfal u l-popolazzjoni taż-żgħażagħ.

Sabiex tiġi indirizzata l-problema taż-żieda fl-iskart tal-ikel u dak organiku, jista’ jitqies ukoll li jiġu introdotti għadd ta’ skemi u inċentivi mmirati speċifikament lejn il-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut li jiskoraġġixxu l-ġenerazzjoni ta’ skart evitabbli u mhux meħtieġ, li spiss jintuża darba biss. Dan ikun akkumpanjat mill-promozzjoni ta’ prattiki agrikoli sostenibbli li jippermettu lis-settur tal-biedja jibdel l-iskart f’riżorsa ta’ valur.

Il-produzzjoni u l-użu tal-plastik, speċjalment tal-plastik li jintuża darba biss, huma qasam ieħor li jixraqlu azzjoni immedjata sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ skart iġġenerat kull sena, li qed juri li għandu impatt sinifikanti u reali fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Minbarra l-introduzzjoni tal-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb, l-Aġenzija se timmonitorja dan is-settur ekonomiku biex tiżgura li jintlaħqu l-miri diġà stabbiliti għat-tnaqqis tal-iskart tal-plastik. Din se tippromwovi primarjament ix-xiri u l-użu ta’ inqas prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mill-konsumaturi, u barra minn hekk se tippromwovi t-tnaqqis tal-imballaġġ tal-plastik lill-produtturi. L-użu ta’ kampanji tal-media u ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni se jkun inevitabbli; madankollu, jista’ jagħmel sens ekonomiku wkoll li jiġu introdotti inċentivi li jħeġġu l-użu ta’ inqas plastiks, speċjalment fejn dan jista’ jiġi evitat. Il-possibbiltà li jiġu implimentati skemi ta’ ritorn simili fuq prodotti oħra b’impatti sinifikanti fuq is-suq hija għażla li se tiġi segwita, abbażi tal-esperjenza miksuba mill-iskema tal-kontenituri tax-xorb.

Huwa fatt magħruf sew li waħda mill-akbar kontributuri għall-iskart f’Malta hija l-industrija tal-kostruzzjoni. Peress li hija waħda mis-setturi ekonomiċi ewlenin u impjegatur ta’ sehem sinifikanti tal-popolazzjoni attiva, dan il-qasam huwa sensittiv ħafna u wieħed li jrid jiġi indirizzat b’kawtela. Madankollu, l-Aġenzija se tibda tippromwovi l-użu mill-ġdid ta’ materjali fl-industrija sabiex tnaqqas l-ammont ta’ skart mormi fil-landfills u fil-barrieri. Imbagħad se tiżviluppa għodod li se jħeġġu dan l-użu mill-ġdid tal-materjali, kif ukoll l-użu ta’ materjali u prattiki aktar sostenibbli għall-kostruzzjoni ta’ bini ġdid. L-għan huwa li permezz ta’ politiki u miżuri diretti u effettivi, Malta tkun tista’ tnaqqas l-impronta materjali tagħha. Dan se japplika kemm għas-settur tal-kostruzzjoni kif ukoll għas-segment tal-konsum tal-materjal domestiku.

L-istess japplika għas-settur tal-manifattura; l-Aġenzija se tappoġġa u tiffaċilita l-bidliet fil-metodi tal-produzzjoni li jfasslu l-iskart u li jirrikjedu inqas inputs ta’ enerġija. Dan se jkun akkumpanjat mill-promozzjoni tal-użu ta’ inputs differenti u aktar sostenibbli, li jistgħu jinkisbu wkoll bħala skart minn setturi oħra tal-ekonomija. L-introduzzjoni ta’ inizjattivi u inċentivi mmirati se tippermetti lill-produtturi jindirizzaw il-ġenerazzjoni tal-iskart fl-istadju tal-produzzjoni aktar milli jkollhom jittrattaw l-iskart wara t-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott.

L-ekonomija kollaborattiva hija mudell ekonomiku li kiseb ħafna popolarità f’dawn l-aħħar snin u wieħed li qed iżid ukoll il-preżenza tiegħu f’Malta. Il-Kummissjoni Ewropea tirreferi għal din is-sistema ekonomika bħala mudelli tan-negozju li fihom l-attivitajiet jiġu ffaċilitati minn pjattaformi kollaborattivi li joħolqu suq miftuħ għall-użu temporanju ta’ oġġetti jew servizzi li spiss jiġu pprovduti minn individwi privati. Il-proponenti ewlenin ta’ din is-sistema huma prinċipalment preżenti fis-settur tal-akkomodazzjoni u fis-settur tat-trasport. Madankollu, hemm l-opportunità li jiġu esplorati oqsma ġodda, bħas-setturi tal-bejgħ bl-imnut u tat-tessuti, li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal tnaqqis fl-iskart maħluq. L-Aġenzija se tkompli tistudja dawn il-mudelli ta’ negozju u tiżviluppa politiki u inċentivi adegwati li jħeġġu, jirregolaw u jimmonitorjaw l-ekonomija kollaborattiva. Flimkien ma’ dan l-approċċ, il-kunċett ta’ kiri ta’ apparat u ta’ ċerti prodotti għall-konsumatur se jiġi esplorat aktar u jitqies bħala soluzzjoni innovattiva fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ skart, possibbilment bl-għajnuna ta’ skemi u inċentivi speċifiċi.

L-iżvilupp ta’ proġett ta’ Rkupru Enerġetiku huwa elenkat bħala proġett ewlieni fil-Programm Operazzjonali ta’ Malta 1 li Jrawwem ekonomija kompetittiva u sostenibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi tagħna għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-2020 tal-Fondi Soċjali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Kif diġà ntqal, il-kapaċità tal-irkupru enerġetiku hija mistennija li tipprovdi għal 40 % tal-iskart li bħalissa qed jintrema fil-landfills. Minbarra l-kontribut tagħha għall-immaniġġjar tal-iskart f’Malta, faċilità tal-Irkupru Enerġetiku tipprovdi l-opportunità għall-ġenerazzjoni ta’ elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u elettriku rinnovabbli f’Malta. Din il-faċilità se tindirizza parzjalment il-kwistjoni tal-iskart organiku u tal-bijomassa, filwaqt li tiddevja dan l-iskart lil hinn mil-landfills u fil-produzzjoni tal-enerġija. Ir-rwol tal-Aġenzija huwa li tistudja u tidentifika l-iskart li se jiġi ddevjat ’il bogħod mill-impjant tal-irkupru enerġetiku u li għandu jiġi allokat għar-riċiklaġġ u t-trasformazzjoni f’riżorsi sekondarji. Għall-perjodu medju u fit-tul, l-Aġenzija se tqis ukoll l-istudju ta’ għażliet ġodda u innovattivi dwar kif għandha tiġi indirizzata l-bijomassa, bħall-ikkummissjonar ta’ studji dwar il-possibbiltà ta’ bijoraffinerija li tkun tista’ tipproduċi wkoll sustanzi kimiċi b’valur miżjud.

Il-Ġbir tal-Iskart

Saru rakkomandazzjonijiet mir-Rapport ta’ Twissija Bikrija tal-Kummissjoni Ewropea biex il-ġbir tal-iskart isir reġjonali. Dan għandu jitqies għall-flussi kollha ta’ skart miġbura li għandhom jiddaħħlu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali, u jistgħu jitqiesu inċentivi fiskali sabiex jiżdied l-isforz għas-separazzjoni fis-sors. Dan jista’ jsir billi jiġu ttrattati separatament il-kostijiet tal-ġbir u l-kostijiet tar-rimi. Il-kostijiet ta’ qabel jistgħu jiġu ġestiti aħjar permezz ta’ titjib infrastrutturali, filwaqt li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu studjati biex jinċentivaw is-separazzjoni fis-sors. Dan jista’ jindirizza rakkomandazzjoni oħra mill-EWR, dik li l-Kunsilli Lokali jkunu aktar responsabbli għall-miri tar-riċiklaġġ.

L-infrastruttura tal-ġbir bieb bieb hija maqsuma; f’domestika mħallsa mill-Kunsilli Lokali u kummerċjali mħallsa mill-utenti kummerċjali. Hemm nuqqas ta’ infurzar f’dawn tal-aħħar u għadd mhux ħażin ta’ utenti kummerċjali ma jiġġenerawx biżżejjed skart biex jiġġustifikaw il-kostijiet assoċjati. Rakkomandazzjoni mill-MSDEC u mill-Kunsilli Lokali kienet li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ ħlas permezz tal-Kunsilli Lokali. Dan inaqqas il-profittaturi u jista’ jkun aktar infurzabbli. Huwa essenzjali li d-disinn u l-infrastruttura tal-ġbir tal-iskart ikunu jwasslu għal prattiki ta’ riċiklaġġ u jħeġġu s-separazzjoni tal-iskart fis-sors.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ żiedet il-miri dwar ir-riċiklaġġ, filwaqt li r-reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tpoġġi aktar impetu fuq ir-riċiklaġġ minflok l-irkupru. Fix-xenarju attwali l-irkupru jisboq b’mod konsiderevoli r-riċiklaġġ, għalhekk il-Kummissjoni Ewropea żiedet l-isforz tagħha lejn riċiklaġġ ta’ kwalità aħjar. Sabiex jinkiseb dan, huwa kruċjali li jkun hemm separazzjoni u ġbir adegwati tal-iskart sabiex l-iskart jiġi ddevjat minn sempliċi rkupru f’materjali sekondarji li jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid fiċ-ċiklu ekonomiku.

Skip to content