Latest News

03.10.2022

Skema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb mistennija tibda topera b’mod imminenti.

L-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb hija mistennija li tibda topera nhar it-Tnejn, l-14 ta’ Novembru 2022, kontinġenti fuq l-installazzjoni ta’ 85 % tal-Magni tal-Bejgħ Awtomatiċi Riverżibbli (RVMs) mill-operatur liċenzjat, ħabbret Circular Economy Malta (CEMalta).

B’kollox, l-operatur liċenzjat qed jinstalla 320 Magna tal-Bejgħ Awtomatika Riverżibbli (RVMs) madwar Malta u Għawdex. Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jirritornaw kontenituri vojta tax-xorb lejn dawn il-Magni tal-Bejgħ Awtomatiċi Riverżibbli u jieħdu lura d-depożitu ta’ EUR 0.10c fuq kull kontenitur, fil-forma ta’ vawċers li jistgħu jiġu mifdija fi stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li jbigħu tali kontenituri tax-xorb.

Din l-iskema se tinċentiva lill-pubbliku biex jagħżel ir-rimi u r-riċiklaġġ sostenibbli tal-iskart, filwaqt li tiskoraġġixxi r-rimi tal-plastik u skart ieħor niġġies fuq l-art u fil-baħar. Se tikkontribwixxi wkoll għall-isforzi ta’ Malta biex tirkupra 90 % tal-kontenituri tax-xorb li jistgħu jintużaw darba biss għar-riċiklaġġ sal-2026.

Id-depożitu rimborżabbli ta’ EUR 0.10c se jiġi impost fuq kull kontenitur tax-xorb li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Iskema u jsir disponibbli fis-suq tul il-katina kollha tal-provvista. Il-valur tad-depożitu ma għandux ikun soġġett għall-VAT u għandu jiġi indikat b’mod ċar bħala kost separat mill-prezz tax-xorb fuq l-irċevuti u l-fatturi kollha.

L-iskema se tiġbor u tirriċikla kontenituri tax-xorb tal-plastik, tal-azzar, tal-aluminju jew tal-ħġieġ. Dawn il-fliexken jew laned, b’kapaċità li tvarja minn 0.1 litru sa 3 litri, jinkludu;

• ilma u ilma bit-togħma,
• xarbiet mhux alkoħoliċi karbonizzati u mhux karbonizzati,
• sajders, birer u xarbiet mill-malt,
• kafé lest għax-xorb,
• xarbiet alkoħoliċi mħawwra b’livell ta’ kontenut alkoħoliku li ma jaqbiżx il-5 %,
• u sustanzi ta’ dilwizzjoni.

L-inbejjed, l-ispirti u l-meraq huma esklużi mill-Iskema.

Meta l-konsumaturi jirritornaw kontenituri vojta tax-xorb lejn Magna tal-Bejgħ Awtomatika Riverżibbli (RVM) jew lejn bejjiegħ bl-imnut, huma jirċievu immedjatament vawċer għall-valur sħiħ ta’ EUR 0,10c tad-depożitu, li jista’ jiġi mifdi fi stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li jbigħu dawn il-prodotti tax-xorb. Il-konsumaturi ma għandhomx jgħaffġu l-kontenituri jew ineħħu t-tikketti tagħhom qabel ma jiġu ddepożitati fil-magni, għaliex inkella dawn ma jkunux jistgħu joħorġu l-vawċers ta’ depożitu.

F’konformità mar-Regolamenti dwar ir-Riċiklaġġ tal-Kontenituri tax-Xorb (SL 549.134), l-operaturi ekonomiċi li jinvolvu ruħhom fil-produzzjoni, fl-importazzjoni, fid-distribuzzjoni jew fil-bejgħ tal-prodotti tax-xorb imsemmija hawn fuq huma meħtieġa jirreġistraw mal-operatur sad-data tat-tnedija tal-iskema.

Inġ. Jason Vella, Kap Eżekuttiv ta’ CEMalta, stqarr li “l-Iskema għandha l-għan li trawwem kultura fost il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati li tħaddan il-benefiċċji ekonomiċi u, l-aktar importanti, ambjentali taċ-ċirkolarità tar-riżorsi.” Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku jipparteċipa b’mod attiv f’din l-iskema għal ambjent aktar nadif u għal futur aktar sostenibbli.

Għal aktar informazzjoni żur www.www.cemalta.gov.mt jew www.bcrsmalta.mt, jew ikkuntattja lil CEMalta permezz ta’ email fuq info@www.cemalta.gov.mt jew bit-telefown fuq 2226 8200.

< Back
Skip to content